Iż-żgħażagħ bejn 16 u 18-il sena minn madwar l-Ewropa kollha huma mistiedna jieħdu sehem billi jissottomettu disinn jew xogħol ta’ arti li fl-opinjoni tagħhom juri bl-aqwa mod l-impatt tal-bidla ambjentali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-viżjoni kreattiva tagħhom tista’ tgħin biex jiżdied l-għarfien fost studenti sħabhom, għalliema, familji u oħrajn.
Il-pajjiżi Afrikani qed iħabbtu wiċċhom ma’ wħud mill-akbar sfidi fid-dinja li qed tiżviluppa. Iż-żona tas-sub Saħara b’mod partikolari qed tiffaċċja sfidi enormi fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, ilma u enerġija u turiżmu sostenibbli li huma enfasizzati bħala temi fil-Premju għaż-Żgħażagħ dwar l-Iżvilupp ta’ din is-sena. Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw madwar id-dinja kollha qed jiġu affettwati mit-tisħin globali u l-aċċess għal ilma frisk u nadif huwa problema kbira ħafna.
Ir-rebbieħa nazzjonali u dawk li jiġu fit-tieni post f’kull pajjiż se jiġu mistiedna flimkien ma’ l-għalliema tagħhom għal żjara ta’ jumejn fi Brussell. Din iż-żjara se tinkludi ċerimonja għall-għoti tal-premjijiet fejn l-istudenti se jingħataw il-premjijiet tagħhom bħala rebbieħa nazzjonali.
Il-premju finali se jkun vjaġġ għall-Afrika mħejji għar-rebbieħa u l-għalliema tagħhom. Minħabba li l-UE hija waħda mill-atturi ewlenin fl-appoġġ għal kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ma’ pajjiżi madwar id-dinja, l-għan ewlieni għar-rebbieħa li se jmorru l-Afrika huwa li jaraw fl-azzjoni l-assistenza ta’ l-UE fl-iżvilupp. Huma se jżuru proġetti ta’ kooperazzjoni dwar l-iżvilupp fis-settur ta’ l-edukazzjoni, inklużi inizjattivi rilevanti mill-Istati Membri ta’ l-UE kif ukoll mill-Kummissjoni. B’dan il-mod, l-istudenti se jkunu jistgħu jwasslu messaġġi dwar it-tibdil fil-klima lill-proġetti fl-Afrika.
Louis Michel, Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja
Mr Jan Figel, Il-Kummissarju responsabbli għall-edukazzjoni, jappoġġja din l-inizjattiva. (EN, pdf file ~ 320kb) |